Loghob Tradizzjonali Malti
Ġieli tixxennaq għal dawk iż-żminijiet ħelwin tat-tfulija? Jew, forsi, tixtieq iżżur żmien imgħoddi meta l-ħajja kienet iktar sempliċi, inqas mgħaġġla u meta għad-divertiment ma kienx hemm bżonn it-teknoloġija avvanzata? Logħob Tradizzjonali Malti jħallik tagħti daqqa t’għajn lil dak id-divertiment tal-imgħoddi waqt li tkun qed titgħallem fuq il-kultura ġenwinament Maltija – jekk mhux ukoll tgħixha.
Il-biċċa l-kbira tal-logħob li Loghob Tradizzjonali Malti joffri laħaq il-quċċata tal-popolarità fi żmien l-Ingliżi meta fil-gżejjer Maltin kien hawn ċerta stabilità. Għal ħafna familji l-ġugarelli kienu lussu u fit-toroq ftit li xejn kien ikun hemm traffiku. It-tfal kienu jivvintaw il-logħob u d-divertiment huma stess billi jużaw il-ftit mezzi li kellhom.
Loghob Tradizzjonali Malti se jgħinek tiskopri jew terġa’ tiskopri logħob li ġenerazzjonijiet ilu kien jintlagħab Malta u li jista’ jkun Malti minn ġuf ommu, jew addattat minn pajjiżi oħra fil-Mediterran jew misluf minn inħawi iktar imbiegħda. Dan il-logħob kollu kien jintlagħab hawn Malta f’żgħożitna, jew inkella minn missirijietna u nannietna. Kien logħob sempliċi imma li jqanqal sentiment, li ta sens lill-kultura u li lil xi wħud se jġibilhom lura memorji qawwija u li lil dawk li m’ilhomx wisq li twieldu se jsaħħarhom. Li nerġgħu nqajmu dan il-logħob u ngħallmhom lill-ġenerazzjoni iżgħar ifisser li dan il-logħob ma jmutx – u ma jibqax biss parti mill-istorja.
It-tfal Maltin tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna kellhom ikunu kreattivi biex ikunu jistgħu jieħdu pjaċir ġaladarba kienu jgħixu f’dinja li kien għad ma kellhiex teknoloġija. Issa għandna divertiment kemm irridu, minnufih, u mingħajr ma jkollna nħaddmu moħħna jew ġisimna. Logħbiet bħalma huma ċ-Ċirku, il-Passju u l-Boċċi tal-Ħġieġ u ħafna oħrajn, fi żmien in-nanniet tagħna kienu maħbuba madwar il-Mediterran. Aħna, li ġejna warajhom, għandna xhieda ta’ kif kienu jintlagħbu. Mhumiex biss pjaċir, imma wkoll storja ħajja.
Dan il-logħob huwa ideali għal attivitajiet ta’ team building li jistgħu ikunu mezz ta’ għaqda għal membri ta’ kommunitajiet bħal parroċċi, irħula u skejjel, u, fl-istess ħin, jgħinuhom biex jgħixu mill-ġdid l-imgħoddi kuturali tagħhom.
Our Games
Click on the images below for more information about each one.
Ballun Stop
Din il-logħba li trid ġiri b’ħeffa kbira hija ta’ pjaċir kbir għal min jilgħabha u toffrilek iċ-ċans ta’ eżerċizzju mill-aqwa.
Trid spazju ġmielu biex tilgħab din il-logħba. Wieħed mill-parteċipanti jgħolli l-ballun u jsejjaħ isem wieħed mill-parteċpianti l-oħra li jrid jara kif jagħmel u jaqbad il-ballun qabel ma jmiss mal-art.
Bocci tal-Hġieġ (Marbles)
Meta konna tfal, ta’ sikwit konna nqattgħu s-sigħat nokkempetu bl-aħrax biex nirbħu l-boċċi ta’ sħabna. Kienet tkun kompetizzjoni akkanita u min jirbaħ kien ikun kburi immens li kiseb ħafna boċċi. Kien hemm anke aspett ta’ spettaklu għaliex il-boċċi kienu jkunu ta’ kulur u għamla differenti.
Brilli
Il-Brilli, li mkien fid-dinja m’hawn eżatt bħala, tintlagħab b’dawk li bl-Ingliż jgħidulhom ‘skittles’ . Il-logħba tal-Brilli ilha magħrufa sa minn qabel ma ġew il-Kavalieri ta’ San Ġwann u tixbah lit-10-pin bowling li jintlagħab taħt is-saqaf, imma tintlagħab għall-apert. Jintużaw disa’ brilli u ballun tal-injam. Ir-regoli huma kemxejn ikkumplikati.
Gugarelli
Kien hemm għadd ta’ ġugarelli magħmula bl-idejn għat-tfal: papri tal-injam, klieb, żwiemel, trenijiet, trakkijiet, djar tal-pupa u ċippitati. Il-bniet kienu jilagħbu bil-pupi tad-drapp u ġugarelli maħdumin bis-suf. Kienu jagħmluha tan-nisa tad-dar u erħilhom jagħġnu t-tajn f’forma ta’ ħobżiet żgħar
Ic-Cirku
Waħda mil-logħbiet li ma tantx tara bħalha hija ċ-Ċirku. Anke jekk qatt ma rajt lil ħadd jilgħab din il-logħba fir-realtà, jaf rajtha f’xi film antik li, permezz tagħha kien jipprova joħloq l-ambjent tal-inħawi ċentrali tal-Mediterran qabel is-snin sittin. Fil-fatt hija marbuta mill-qrib ma’ din in-naħa tad-dinja.
Il-Fatt
Il-Fatt hija logħba sempliċi imma popolari ħafna li kient tintlagħab fit-toroq tal-irħula Maltin u llum, sfortunatament, kważi ntesiet għal kollox.
Il-Ġbid tal-Ħabel (Tug of War)
Għall-kuntrarju ta’ xi wħud mil-logħbiet l-oħra, għall-Ġbid tal-Ħabel trid is-saħħa aktar milli strateġija u kordinazzjoni bejn l-idejn u l-għajnejn.
Il-Karretta u Il-Iskuter
Bħalma ħafna minna jafu, it-toroq f’Malta kienu ħafna inqas traffikużi milli huma llum, u dan kien jippermetti lil ħafna tfal u żgħażagħ jieħdu sehem f’logħob, li ta’ sikwit kien jikkonsisti fi tlielaq ta’ skuters u go-carts, magħmulin b’mod sempliċi imma li kienu jdumu jservu żmien twil.
Il-loghba tal-Bocci
Forsi l-iktar logħba antika li jilagħbu l-Maltin hija l-boċċi. Fi żmien il-Kavalieri ta’ San Ġwann, logħba jisimha ‘’Maglio’’ kient tintlagħab Malta u kienet tixbah ħafna l-logħba li kien li kellha tkun magħrufa bħala Boċċi.
Il-Loghba tal-Maktur (Lions & Tigers)
Il-Logħba tal-Maktur tixbah ħafna lill-Ballun Stop f’dawk li huma livelli ta’ enerġija u eċċitament. Dil-il-logħba jilagħbuha żewġ timijiet li jissieltu bejniethom biex jiksbu maktur.
Il-Qbiz tal-Habel
Il-Qbiż tal-Ħabel f’xi forma jew oħra ilu magħna minn żmien żemżem u ħadd ma jaf fejn jew meta tnissel; imma nafu li l-Feniċi u l-Eġizzjani kienu jaqbżu l-ħabel. Fl-Ewropa din l-attività saret popolari fost l-Olandiżi, li fis-sittax-il seklu ħaduha magħhom l-Amerika.
Il-Qbiz tal-Lastiku
Il-Qbiż tal-Lastiku hija logħba li trid ħafna enerġija li tikxef kemm dawk li jilagħbuha għandhom bilanċ u nifs. Kif juri l-isem, Il-Qbiż tal-Lastikuj intlagħab b’biċċa lastiku twila u fl-imgħoddi kien popolari mal-bniet li kien għadhom imorru l-iskola.
Il-Wadab (slingshot)
Il-Wadab (jew żbandola) modern ilu magħna minn, bejn wieħed u ieħor, l-1839, meta l-ispiżjar Amerikan Charles Goodyear ivvinta l-lastiku vulkanizzat. Dan il-ġugarell żgħir u arma sempliċi kien jogħġob lil ħafna tfal, l-iktar lis-subien.
It-Tlieqlaq ta ‘Tliet Saqajn (3 legged race)
Bħal ħafna mil-logħob tal-antik, il-bidu tat-Tlielaq ta’ Tliet Saqajn huwa mċajpar, imma ċertament kienu l-Ingliżi, li jħobbu ħafna din l-attività, i ġabuha Malta.
Passju
Il-Passju (Hopscotch bl-Ingliż) tnissel fil-Brittanja fi żmien l-Imperu Ruman. Oriġinarjament, il-passju kien jintlagħab fuq meded ta’ art li kienu jkunu twal aktar minn 100 pied u li kienu jintużaw għat-taħriġ tas-suldati.
Waqqa’ il-Landa
Logħba komuni li kienet tintlagħab f’għamliet differenti f’ħafna kulturi madwar id-dinja, inkluż f’Malta.
Zugraga
Biex tiftakar kif kienet titlagħab fl-għamlit bikrin tagħha din il-logħba , irid ikollok aktar minn 50 jew saħansitra 60 sena. Dawn iż-żugragi kienu magħmula b’mod li jgħaġġbek u kienu jsiru biex joffru divertiment sempliċi u biex idumu jservu.
This post is also available in: English (English)