Passju
Il-Passju
Il-Passju (Hopscotch bl-Ingliż) tnissel fil-Brittanja fi żmien l-Imperu Ruman. Oriġinarjament, il-passju kien jintlagħab fuq meded ta’ art li kienu jkunu twal aktar minn 100 pied u li kienu jintużaw għat-taħriġ tas-suldati. Is-suldati Rumani, libsin l-armatura tal-gwerra sħiħa u jġorru l-barżakki tal-ikel kienu jiġru tul il-medda kollha biex isaħħu riġlejhom, tista’ tgħid bħalma l-players tal-football illum meta jiġru wadwar it-tyres tal-karozzi.
It-tfal Rumani fasslu meded ta’ art iżgħar, żiedu sistema ta’ marki biex jikkalkulaw min kien ikun rebaħ, u l-logħba nfirxet mal-Ewropa. Kien taħt l-Ingliżi li l-Passju, kif saret magħrufa fil-gżejjer tagħna, saret popolari ħafna u kienet tinlagħab ħafna fl-iskejjel u mit-tfal fl-irħula sa ftit għaxriet tas-snin ilu. B’xorti ħażina, il-popolarità ta’ din il-logħba naqset bil-kbir u ftit li xejn għadek tara t-tfal jieħdu pjċir jilagħbuha.
Kif Tilgħab il-Passju
Kull min jilgħab ikollu ġeneralment ġebla komuni. L-ewwel tifel jixħet il-ġebla fl-eqrab kaxxa mmarkata fl-art. Il-ġebla riedet tasal fil-kaxxa li suppost tinżel fiha mingħajr ma tmiss mallija jew taqbeż ‘il barra mil-linji. Jekk ma jiġrix hekk, jew jekk il-ġebla tinżel f’kaxxa ħażina, it-tifel li jkun lagħab jitlef it-tefgħa.
Jekk il-ġebla tinżel fejn suppost, it-tifel jaqbeż fuq sieq waħda u jibda mill-kaxxa numru wieħed. It-tifel irid jaqbeż fil-kaxxi maġenb xulxin bis-sieq ix-xellugiija tinżel fil-kaxxa x-xellugija u s-sieq il-leminija fil-kaxxa l-leminija. Fejn isib kaxxa waħidha, it-tifel irid jaqbeż ġo fiha fuq sieq waħda; jagħżel hu liema tkun. Fil-kaxxi weħidhom li jmiss, it-tifel irid jaqbeż darba b’sieq u darba b’oħra.
Interessat?
This post is also available in: English (English)